Il-Familja: Il-Pilastru tas-socjeta’

Il-Familja: Il-Pilastru tas-socjeta’

Fit-8 ta’ Mejju tas-sena l-oħra fit-Times ta’ Londra, deher rapport bit-titlu: “EU Report Charts the Collapse of Family Life.” Fl-Ewropa, qalet it-Times, titkisser familja kull nofs minuta! Dan skont rapport tal-Institute of Family Policy, li kien tqassam fil-Parlament Ewropew fi Brussels, fil-ġurnata ta’ qabel.

Ir-Rapport li jġib l-isem “The Evolution of the Family in Europe 2008”, jgħid ukoll li r-rata Ewropeja tat-twelid hi ‘kritika’. Fis-sena 2007, fis-27 pajjiż tal-UE twieldu miljun tarbija inqas mill-1980. Kien hemm fis-sena 2007 ukoll, 6,000,000 persuna ’l fuq minn 65 sena iżjed milli tfal taħt l-14-il sena, meta fl-1980 kien hemm 36 miljun tfal f’dik l-età iżjed minn pensjonanti. Ħafna iżjed nies kienu qed jgħixu waħedhom.

Ir-rapport jgħid li l-Ewropa saret kontinent xiħ. Allarmanti huwa wkoll il-fatt li kważi waħda minn kull ħames nisa tqal, tagħmel abort. Bejn l-1980 u s-sena 2006, ir-rata taż-żwieġ niżlet b’24 fil-mija. Kważi 28% tad-djar fil-pajjizi tal-Unjoni Ewropeja huma abitati minn persuna waħda biss.

Ir-Rapport qal ukoll: “Biex il-familji Ewropej jibqgħu jaqdu l-funzjoni indispensabbli tagħhom, hu vitali li d-diversi korpi soċjali, kif ukoll l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jsostnuhom u l-istati membri, jinkludu d-dimensjoni familjari, fil-politika ekonomika u soċjali tagħhom.

Dan ir-Rapport, li bħalu jiġi ppreżentat wieħed kull sena lill-Parlament Ewropew, isir minn grupp ta’ esperti f’ħafna dixxiplini: demografija, psikoloġija, mediċina eċċ. Fl-aħħar tar-Rapport, kull sena jkunu proposti numru ta’ miżuri soċjali, ekonomiċi, u kulturali bil-għan li gradwalment tiġi implimentata politika Ewropeja li tkun ġenwinament orjentata lejn il-ġid tal-familja.

Fost is-suġġerimenti li tressqu fir-Rapport 2008, kien hemm il-ħtiega li jseħħ il-ħolqien ta’ Kummissjoni għall-Familja fl-UE , it-twaqqif ta’ Ministeru tal-Familja f’kull pajjiż, il-ħruġ ta’ Green Paper fuq il-familja fl-Ewropa, ftehim fuq l-importanza tal-familja fost is-27 pajjiż fl-Unjoni, it-twaqqif mill-ġdid tal-Osservatorju tal-Politika dwar il-Familja, kampanji biex jikber l-għarfien u r-rikonoxximent tar-rwol tal-familja fl-Ewropa, kif ukoll biex ir-rispett lejn il-familja mill-media jiġu inkorporati fid-direttivi Ewropej.

Hemm 10 proposti oħra, kollha utli u interessanti, kollha biex jippromwovu u jsostnu l-familji, li mill-istabilità tagħhom tant jiddependi l-ġid tas-soċjetà, fid-direzzjonijiet kollha. Biżżejjed insemmu, per eżempju, li għadu kemm ħareġ rapport li jgħid li fl-Ingilterra, it-tkissir tal-familji qed jiswa lit-tax-payer madwar £37,000,000,000 fis-sena, meta għat-tisħiħ taż-żwieġ, direttament l-Ingilterra toħroġ biss mal-£5,000,000. Żbilanċ li ma jagħmilx sens. Kull tax-payer Ingliż qed jiffinanzja t-tkissir tal-familji bi £800 fis-sena.

Mhux ta’ b’xejn li llum, l-politiċi serji Ingliżi qed jgħidu: “if we want to eliminate poverty, we have to strengthen the family”; jigifieri qed jirrikonoxxu li l-faqar jista jigi melub jekk insahhu il-familji taghna. Faqar mhux biss fl-aspetti finanzjari izda ukoll socjali u morali, u dan qed jghiduh bir-raġun wara esperjenza tant qarsa.

Jien, li wieħed mill-punti li nisħaq fuqu hu s-sehem tal-mara fil-ħajja tax-xogħol, nixtieq ukoll li pajjiżna fl-Ewropa, jkun eżemplari fid-difiża tiegħu tal-ħajja tal-familja u fit-tisħiħ tagħha, anke fl-istess qasam tax-xogħol, u tax-xogħol tal-mara. F’pajjiżna hawn problemi li qed joffru sfidi lill-familji u lill-istabilità tagħhom. Imma mqabbel ma’ pajjiżi oħra fl-istess UE, pajjiżna hu vantaġġat b’familji b’saħħithom, f’numru kbir. Bil-ħidma tal-politiċi tagħna, f’Malta u fl-Ewropa, nistgħu, u għandna, mhux biss insaħħu l-familji ta’ pajjiżna, imma wkoll nimbuttaw lill-UE biex tagħti każ tassew ta’ dan il-pilastru ewlieni ta’ kull soċjetà: il-familja.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: