Il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Abort

IL-KUNSILL TA’ L-EWROPA U L-ABORT

Nhar l-Erbgħa, 16 ta’ April, fi Strasburg, il-Kunsill ta’ l-Ewropa, f’sessjoni plenarja ta’ l-Assemblea Parlamentari ta’ l-istess Kunsill, approva riżoluzzjoni biex l-abort ma jibqax jitqies bħala reat kriminali u biex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drit tan-nisa biex jagħmlu abort. Kienu biss 185 minn 318-il membru ta’ l-Assemblea li ħadu sehem fil-votazzjoni li fiha 102 vvutaw favur, 69 kontra u 14 astenew. X’responsabbiltà għandhom dawk li ma ħadux sehem f’diskussjoni daqshekk importanti!

Minkejja li din il-laqgħa damet tliet sigħat u nofs, u kienet l-itwal waħda fl-istorja ta’ l-Assemblea, jidher li d-diskussjoni kienet pjuttost waħda superfiċjali minkejja l-gravità tas-suġġett, u kienet wahda fejn ma ngħatax kas tad-dritt tat-tarbija li għadha ma twelditx, tal-missier, tal-professjonist li jirrifjuta li jwettaq abort, kif ukoll ta’ l-effetti psikoloġiċi, kultant serji ħafna fuq il-mara. L-uniċi delegati li tkellmu kontra r-riżoluzzjoni kienu d-delegati Maltin, Taljani, Irlandiżi u Pollakki.

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta’ l-Ewropa approvat din ir-riżoluzzjoni minkejja li l-Partit Popolari Ewropew lejlet id-diskussjoni ressaq mozzjoni biex l-abort jitneħħa minn fuq l-aġenda. Naturalment din ir-riżoluzzjoni ma torbotx lill-pajjiżi jdaħħlu l-abort, imma hi żgur intenzjonata li tagħmel pressjoni. Tajjeb jingħad li f’rapport imressaq mis-soċjalista Awstrijaka Gisela Wurm, hemm imniżżel li s-47 stat membru tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom “jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tan-nisa għall-abort u tingħata l-libertà ta’ l-għażla u jiġu offruti l-kundizzjonijiet ta’ l-għażla libera u mdawla.” Dan juri bla tlaqliq li Gisela Wurm u l-membri tal-Kumitat jaqblu li mhux biss l-abort ma għandux jitqies bħala att kriminali, imma wkoll li l-istati kollha membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għandhom jiggarantixxu lill-mara d-dritt li tagħmel abort. Donnu dawk li daħħlu l-abort ma jridux joqogħdu bi kwiethom qabel jarawh fil-pajjiżi kollha.

F’dan il-kuntest, għandhom jiġu mfaħħra ir-rappreżentanti Maltin kollha li ppruvaw jipperswadu lill-membri tal-gruppi politiċi li huma mseħbin fihom biex jirtiraw ir-riżoluzzjoni. Huma nsistew li fil-kwistjoni ta’ l-abort ma hemmx biss id-dritt tan-nisa imma wkoll id-dritt tat-tarbija fil-ġuf, minkejja li m’għandhiex leħen, ma tinstemax, ma tivvutax. Ir-rappreżentanti Maltin qalu li l-Maltin jemmnu li l-abort m’huwiex dritt. Fil-fatt ma hemm l-ebda dokument ewropew jew internazzjonali li jitkellem dwar id-dritt ta’ l-abort.

Soċjetà li toqtol iż-żgħar tagħha hi soċjetà mingħajr futur, hi soċjetà li qatgħet qalbha. Dawn huma affarijiet li ma jinftehmux meta nafu li ħafna pajjiżi huma fl-istess ħin inkwetati dwar ir-rata baxxa tat-twelid u għalhekk dwar konsegwenzi serji fejn jidħol is-sosten finanzjarju tas-sigurtà soċjali illum u fil-futur. Imma donnu, quddiem l-egoiżmu, l-opportuniżmu politiku u l-preġudizzji, il-moħħ jiddallam u l-qalb tingħalaq.

Kemm hu kiefer il-fatt li f’ħaġa bħal din jissemma d-dritt liema d-dritt jaghti lill-mara li fakulta li telimina t-tarbija taghha stess. Kemm hu kiefer li dan is-suppost dritt jiġi prattikat bil-qerda tad-dritt – l-ewwel u l-iprem dritt – li għandu l-bniedem, jiġifieri dak tal-ħajja. Imma veru li jeżisti d-dritt għall-abort? Għandu forsi l-Kunsill ta’ l-Ewropa xi jedd li jiggarantixxi d-dritt għall-abort fl-istati membri tiegħu? Dak li hu ċert hu li l-Kunsill ta’ l-Ewropa għandu d-dover li jiggarantixxi d-dritt u l-ħarsien tal-ħajja u mhux li jagħti xi dritt lin-nisa li jċaħħdu d-dritt tal-ħajja lil min m’għandux leħen. Id-dritt tal-ħajja hu għal kull bniedem, mit-tnissil fil-ġuf sa t-tmiem naturali tiegħu. L-abort qatt ma jista’ jkun dritt għax hu ċaħda gravissima tad-dritt li ħaddieħor għandu għall-ħajja.

Mhus ser nidħol fid-dettalji tad-diskussjoni imma ċerti punti ta’ min isemmihom. Ħafna jżommu li qabel is-26 ġimgħa, il-fetu ma jbatix, ma jħossx, ma hux konxju fejn qiegħed. Fuq kollox lanqas ma jista’ jitqies bħala persuna umana, u allura jista’ jiġi eliminat għax ma jkunx hemm qtil ta’ bniedem. Jista’ jiġi mqatta’ biċċiet. Rigward dan l-argument għaddejja diskussjoni sħiħa għax mhux kulħadd iżomm dan. Fil-fatt id-diskussjoni dwar meta tibda l-persuna uman hi waħda sħuna ħafna u m’hemmx kunsens ġenerali dwar dan l-aspett ta’ l-argument. Imma hawn għandna quddiemna żewġ ilmenti serji ħafna.

L-ewwel jekk m’aħniex ċerti meta tibda l-persuna umana, b’liema jedd xi awtorità fid-dinja tagħti d-dritt xi ħadd li jelimina ħlejqa meta xi darba nistgħu nkunu ċerti li l-persuna umana tibda sa mit-tnissil? Allura sakemm jiġi deċiż dan, nibqgħu nilgħabu bil-ħajja ta’ l-oħrajn b’dan il-mod irresponsabbli? Għaliex ma sarx il-kuntrarju, jiġifieri moratorja sakemm jiġi deċiż b’ċertezza meta tibda l-persuna umana?

It tieni la l-fetu hu destinat li jiżviluppa f’persuna umana, jekk jiġi eliminat ikun qed jiġi eliminat bniedem. Jekk jiġi eliminat il-potenzjal, ikun qed jiġi eliminat dak li għad ikun realtà. Jekk teqred żerriegħa, tkun qed teqred il-potenzjalità ta’ siġra jew pjanta.

Irridu nżommu f’moħħna li l-embrijun ikollu diġà DNA unika tiegħu (deoxyribonucleic acid li fih l-istruzzjonijiet ġenetiċi li jintużaw fl-iżvilupp u l-funzjoni ta’ l-organiżmi ħajjin kollha). It-tnissil jagħtina bniedem indipendenti mill-missier u mill-omm, minkejja li fiżjoloġikament jiddependi ħafna minn din ta’ l-aħħar.

Nistaqsi lil dawk il-102 membri ta’ l-Assemblea li ħadu sehem fil-votazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa: kontu taqblu li meta kontu f’ġuf ommkom, din, għal xi raġuni, għamlet abort u ħelset minnkom? Kieku ħsibtu fuq hekk, kontu titkellmu mid-dritt ta’ l-abort?

L-ironija hi li meta fid-dinja hawn kampanja sħiħa kontra l-piena tal-mewt, fl-istess ħin mhux biss kważi kullimkien jeżisti l-abort imma ħafna qed iħeġġu lil dawk li m’għandhomx l-abort biex idaħħluh.

Ghandna ikunu kburin li ahna l-Maltin u l-Ghawdxin bqajna sodi fil-principju fundamentali tal-bniedem u irridu nibqghu sodi minkejja li l-kurrent ikun kontrina. Fl-ahhar mill-ahhar dejjem emminna li s-sewwa jirbah.
Dan l-artiklu deher fil-Mument.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: