Dinja Magħquda fl-Isports

Dinja Magħquda fl-Isports

Issa li s-separju ta’ l-akbar avveniment sportiv fid-dinja, niżel u l-atleti u l-organizzaturi reggħu marru lura f’darhom, żgur li kull min hu dilettant u segwa dan l-avveniment qed jgħaddi minn nostalġija għax issa spiċċa kollox. Bla dubju ta’ xejn ħadd ma’ jista’ jinnega li dawn l-olimpjadi kienu ta’ l-aqwa livell u wieħed jista’ jgħid li l-organizzazzjoni kienet waħda li qatt ma rajna bħala. Verament iċ-Ċina wasslet messaġġ ċar li minkejja pressjonijiet politiċi u kontroversji li esperjenzat qabel il-ftuħ ta’ dan id-29 olimpjadi xorta ma ħalliet xejn ixekkel il-pjanijiet. Dan juri biċ-ċar li d-determinazzjoni u l-koperazzjoni tal-poplu huma fatturi b’saħħithom. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ kienet waħda spettakolari u ta’ preċiżżjoni umana liema bħala, dan kumplimentat minn għeluq kommoventi.

It-tema magħzula timliek bil-kuraġġ ghall-futur għaliex tgħaqqad ‘il-poplu uman fllimkien irrispettivament il-pajjiż li ġej minnu. Dinja waħda, ħolma waħda, u l-ikbar ħolma ta’ kull persuna hi li tirrenja l-paċi u li nirrispettaw id-diversitajiet ta’ bejnietna. Għalhekk kienet ħasda kbira li waqt li d-dinja kienet magħquda permezz ta’ dan l-avveniment sportiv żewġ pajjiżi ġirien spiċċaw fi gwerra bejniethom. Ħadd ma għandu juri kemm hu bully u għar minn hekk biex jagħmel dan jinqattlu ħafna nies innocenti u eluf jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Fiż-żminijiet tal-lum fejn il-famuża gwerra bierda suppost li saret parti mill-istorja mhux aċċettabli li pajjiż jirrikorri għall-użu ta’ l-armamenti sabiex jiddomina pajjiż ieħor. L-aggressjoni għandha tiġi kkundannata bla riżerva. Għalhekk huwa proprju f’waqtu l-kumment li għamel Chris Patten, kanċillier fl-unversita’ ta’ Oxford u membru fil-House of Lords fl-Ingilterra fejn qal li l-Ewropa trid tkun inqas dgħajfa meta tikkundanna aġir bħal ma sar fil-Georgia mir-Russja. Qal li jinħtieg li l-Ewropa tifhem li jekk turi djugħfija tista’ twassal għal aktar problemi fil-futur. Wara dak li ġara fil-Goergia issa l-pajjiżi meqjusa bhala ex-sovjetiċi jinsabu nkwetati li din ix-xorta ta’ nvażjoni tista’ tiġri lilhom. Għalhekk huwa importanti li l-Ewropa tkun assertiva u determinata li tikkundanna bis-saħħa kollha kull forma ta’ aggressjoni fuq pajjiż.

Nerġa’ lura ghall-avveniment sportiv li din is-sena jibqa’ meqjus bħala wieħed li ser jidħol fl-istorja ta’ suċċessi straordinarji bħal ma kellu Michael Phelps fejn irnexxielu jikser rekord meta rebaħ tmien medalji tad-deheb. Żgur li għas-snin li ġejjin ser jibqa’ magħruf bhala atleta uniku fid-dixxiplina tal-għawm. Issa wara Beijing nibdew inħarsu lejn Londra fejn diġa bdew il-preparamenti meħtiega minkejja li baqa’ ħames snin oħra. L-atleti Maltin minkejja ir-riżorsi limitati tagħna taw ħilithom kollha u saħansitra konna viċin ħafna li William Chetcuti jasal għall-finali. Dan għandu jimliena bil-kuraġġ u ma naqtgħux qalbna, fuq kollox l-għan ewlieni ta’ l-isportiv hu li jipparteċipa u jagħmel ħiltu u mhux li bilfors irid jirbaħ. Veru li Malta qatt ma ħadna medalji izda wieħed irid jifhem li minn 203 pajjiz li pparteċipa f’dawn l-olimpjadi kienu biss madwar 50 pajjiż li hadu xi midalja. Minn issa jien nawgura li l-atleti tagħna jibdew jippreparaw ruħhom għas-sena 2012 sabiex inkomplu fit-triq li twassal għall-unuri. Nagħlaq billi ngħid prosit lill-kontinġent Malti u li wkoll permezz tagħhom il-bandiera ta’ pajjiżna kienet qiegħda tperper flimkien ma’ l-oħrajn waqt li aktar minn biljun ruħ kienet qed tarana.

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon Tagħna

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: